Lq 23:34
Filwaqt li qiegħed ibati fuq is-salib, jaħseb f’min sallbu… jaħseb fija… jaħseb fik… Jaħseb ukoll fil-Missier tiegħu tas-Sema li bgħatu biex isalvana u jinterċedi għalina…
“Aħfrilhom”. Il-Ħniena ta’ Alla bla limiti… tibqa’ tiġri warajna biex nintebħu li meta nfittxu l-interessi tagħna biss, meta nagħmlu minna nfusna l-alla falz tagħna, nkunu għażilna l-mewt.
Lq 23:43
Wara tliet snin miegħu d-dixxipli jabbandunawh. Il-ħalliel, hekk imsejjaħ it-tajjeb, wara tliet siegħat jikkonverti, forsi minħabba li sema’ l-ewwel kelma ta’ Ġesù. Jara ’l Ġesù mdendel mas-salib fil-punt tal-mewt u jara s-Saltna t’Alla moħbija… li l-oħrajn ma jarawx. “Ftakar fija meta tkun fis-Saltna tiegħek.” Nixbaħ xi ftit lil dan il-ħalliel?
Ġw 19:26-27
Minkejja t-tbatija li qiegħed isofri jaħseb fina u mhux fih innifsu. Kif għamel man-nisa ta' Ġerusalemm li meta rahom jibkuh qalilhom, “mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom” (Lq 23:28). Issa wkoll jaħseb fina…
Marija kienet li rabbiet lil Ġesù, li għenet lil binha jikber bħala bniedem anke fil-fidi tiegħu. Issa Ġesù jagħtina ’l Marija Santissima ommu bħala omm tagħna wkoll biex kif għenet lilu jitla’ sod, issa tgħin lilna nikbru fil-fidi tagħna.
Ndawwar ħarsti lejn Ġesù u narah iħares lejja, d-dixxiplu l-maħbub tiegħu, u jgħidli, “hawn hi ommok.” Indawwar ħarsti fuq Marija u nisma’ x’tixtieq tgħidli f’dan il-mument.
Ġw 19:28
Dak li qal lill-mara samaritana li lest jagħtiha ilma ħaj għandu l-għatx (Ġw 4:13-14). Għandu l-għatx fiżikament għax tilef ħafna demm, imma iktar u iktar għandu l-għatx għall-ġustizzja (Mt 5:6).
Nitolbu ’l Mulej li jagħti lilna wkoll il-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja għax żgur li nkunu mxebbgħin.
Mt 27:46
Ġesù bniedem bħalna… f’kollox.
F’dan il-mument, l-esperjenza ta’ viċinanza tal-Missier għebet. “Mis-sitt siegħa ’l quddiem waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa’ siegħa.” (Mt 27:45) – Id-dalma waqgħet mhux biss fuq il-pajjiż, imma fuq il-qalb ta’ Ġesù wkoll.
Lq 23:46
Sa l-aħħar Ġesù jibqa’ jagħti. Saħansitra jafda l-Ispirtu tiegħu f’idejn il-Missier biex Hu jibgħatu fuq id-dixxipli tiegħu f’Pentekoste.
Anke din il-kelma hi meħuda minn Salm (31:6). Salm ieħor ta’ lment u fiduċja. Il-Knisja tippreparana biex aħna wkoll nkunu lesti, minn issa stess nafdaw ħajjitna f’idejn il-Missier Etern.
Ġw 19:30
F’ħajtu Ġesù fittex li jwettaq il-missjoni li fdalu l-Missier… sal-aħħar mument ta’ ħajtu. Uriena min hu Alla (Lhud 1:1-4) billi tana kollox, ħabbna sal-aħħar (Ġw 13:1). Ma fadallu xejn iżjed x’jagħmel.
Il-Qawmien mill-imwiet tiegħu hu biss konsegwenza tal-għotja totali tiegħu. L-imħabba hi iktar qawwija mill-mewt. Ta kollox, il-mewt ma fadlilha xejn x’teħodlu… Irċieva mitt darba iktar (Mt 19:29).
X’missjoni tani l-Missier lili? Lil min jien imsejjaħ inħobb? X'qiegħed jistedinni nagħti?
Kollox mitmum
L-opra ta’ ħolqien ġdid waslet fit-tmiem
Fis-seba’ jum Alla straħ
Waqaf mix-xogħol tiegħu
Ħares lejn l-opra ta’ jdejh
U qal:
“Kollox hu sewwa ħafna.”
Kollox mitmum
L-opra ta’ ħolqien ġdid waslet fit-tmiem
Id-demm tal-Bniedem-Alla seqa’ l-art
Issa Alla u l-bniedem ingħaqdu
biex ma jinfirdux iżjed,
Iva, kollox hu sewwa ħafna.
Kollox mitmum
L-opra ta’ ħolqien ġdid waslet fit-tmiem
Sid il-ħolqien qiegħed jistieħ
Mill-ħidma tiegħu
Ġismu qiegħed f’qabar ġdid
Jistenna l-mument
Meta d-dawl tiegħu
Kellu jgħammex id-dinja
Biex kollox ikun sewwa ħafna.
Kollox mitmum
L-opra ta’ ħolqien ġdid bdiet.
Ja bniedem
Segwi l-passi tal-Bniedem-Alla
Kul ġismu
Ixrob demmu
Imxi fid-dawl tiegħu
U kollox ikun sewwa ħafna.
Ruħ ta’ Kristu, qaddisni
Ġisem ta’ Kristu, salvani
Demm ta’ Kristu, sakkarni
Ilma mill-kustat ta’ Kristu, aħsilni
Passjoni ta’ Kristu, qawwini.
Ġesù twajjeb, ismagħni
Fil-pjagi tiegħek aħbini
Qatt minnek ninfired tħallini
Mill-għadu l-ħażin, ħarisni.
Fis-siegħa ta’ mewti sejjaħli
u niġi għandek amarli
biex mal-qaddisin tiegħek infaħħrek
għal dejjem ta’ dejjem. Amen.