Pitturi ta’ Sieger Köder
Ċentru Spiritwalità Injazjana
Ġw 19, 5-6
“Arawh, hawn hu l-bniedem!” - Ġesù xbiha tal-bniedem
Il-kruha tad-dnub
Il-ġmiel bla tarf tal-imħabba ta’ Alla
Nitolbu: Ġesù, int il-vera xbiha tal-bniedem. Agħmel li nħarsu lejk biex insiru nafu min aħna. Għallimna wkoll nagħrfu dak li jtebba’ dix-xbiha u li ninfetħu iktar għall-ġmiel ta’ mħabbtek.
Glorja lil Missier…
Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.
U Ġesù ħareġ hemm barra, liebes il-kuruna tax-xewk u l-mantar aħmar; u Pilatu qalilhom: “Arawh, hawn hu l-bniedem!”
X’ħin rawh, il-qassisin il-kbar u l-għases bdew jgħajjtu u jgħidu: “Sallbu! Sallbu!” Pilatu qalilhom: “Ħuduh u sallbuh intom; jiena ma nsib ebda ħtija fih.”
Ġw 19, 17-18
L-għażla tal-imħabba ssir konkreta - is-salib
Is-salib hu l-prezz tal-imħabba
Aħna mistednin biex inħobbu, biex nerfgħu salibna
Nitolbu: Ġesù, l-imħabba tiegħek mhix bil-kliem biss. Kont lest li tħallas prezz għoli. Għinna naslu biex insofru għax inħobbu.
Glorja lil Missier…
Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.
Ġesù rafa’ s-salib u ħareġ lejn il-post imsejjaħ ‘il-Qorriegħa’, bil-Lhudi Golgota.
Hemm huma sallbuh ma’ tnejn oħra, wieħed kull naħa, u Ġesù fin-nofs.
Is 53:5-6
Għax iħobb Ġesù jieħu fuqu l-piż tal-ħażen tagħna
Il-ġustizzja ta’ Alla murija b’mod sorprendenti
Nitolbu: Ġesù, int urejtna ġustizzja differenti minn dik tagħna. Għinna nfittxu l-ġustizzja filwaqt li nħennu.
Glorja lil Missier…
Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.
5 Iżda hu kien miġruħ minħabba fi dnubietna,
misħuq minħabba fi ħżunitna.
Għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu,
u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna.
6 Aħna lkoll bħal nagħaġ mitlufa,
kull wieħed minna qabad triq għal rasu.
U l-Mulej xeħet fuqu l-ħażen tagħna lkoll.
Lq 2:34-35.51
L-ewwel dixxiplu tiegħu tibqa’ miegħu sal-aħħar
Iżżomm f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha
Tħallihom jagħtuha l-ħajja
Nitolbu: Marija, int d-dar mibnija fuq il-blat għax bqajt ma’ Ibnek sal-aħħar. Għinna ma ngħotrux quddiem l-isfidi tal-Għadu.
Glorja lil Missier…
Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.
“Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, - u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! - biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna.”
U ommu kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha.
Mk 15:21
Hu mġiegħel, aħna mistiedna
Nissieħbu miegħu
Fil-mixja lejn il-ġustizzja, lejn is-saltna
Nitolbu: Ġesù, int tistedinna naħdmu u nsofru miegħek fit-tfittxija tal-paċi, l-ġustizzja u l-imħabba. Agħtina l-kuraġġ biex inwieġbu għas-sejħa tiegħek b’qalb kbira u ġeneruża.
Glorja lil Missier…
Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.
Kien għaddej wieħed, Xmun minn Ċireni, missier Xandru u Rufu, ġej lura mir-raba’, u ġagħluh jerfagħlu s-salib.
Mt 24:40
Wiċċ Kristu jidher f’ġest ta’ mħabba
Fejn nara llum il-wiċċ ta’ Kristu?
Nitolbu: Ġesù, għinna nagħrfuk f’dawk li, għalkemm viċin tagħna, huma l-bogħod mill-qalb tagħna.
Glorja lil Missier…
Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.
‘Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.’
Lq 14:27
Nitolbu: Ġesù, mhux faċli terfa’ s-salib. Għinna nkunu responsabbli u nagħrfu li hu biss miegħek li l-piż ikun eħfef.
Glorja lil Missier…
Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.
Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi.
Lq 23:28
Nitolbu: Ġesù, int Dak li toħroġna mill-mewt għall-ħajja. Għinna nkunu persuni li nrawwmu u nagħtu l-ħajja lil dawk li jħossuhom abbandunati jew imwarrba b’xi mod.
Glorja lil Missier…
Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.
“Nisa ta’ Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom”
Ġw 12:24
Nitolbu: Ġesù, int il-ħabba tal-qamħ li mietet u li tat ħafna frott. Għinna ‘mmutu’ bħalek biex miegħek nqumu għall-Ħajja.
Glorja lil Missier…
Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.
“Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ waħedha, imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott”
Fil 2:6-8
Nitolbu: Ġesù, int ġġib l-għaqda billi tħobb lil kulħadd. Għinna nkunu bħalek: naraw l-bżonn u nfittxu l-interessi tal-proxxmu tagħna.
Glorja lil Missier…
Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.
hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu
billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem;
ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt,
anzi sal-mewt tas-salib.
Lq 23:33
Nitolbu: Ġesù, agħmel li l-irbit tagħna jkun l-imħabba u mhux il-kilba għall-flus, għall-poter u għall-fama.
Glorja lil Missier…
Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.
Meta waslu fil-post jgħidulu l-Qorriegħa, sallbuhom hemm, lilu u lill-ħatja, wieħed fuq il-lemin tiegħu u l-ieħor fuq ix-xellug.
Mk 15:37
Nitolbu: Ġesù, int irbaħt fuq il-mewt billi tajt kollox. Ma kien fadal xejn x’teħodlok il-mewt. Agħtina li nissieħbu aħna wkoll mal-ħidma tiegħek biex ikollna sehem mir-rebħa tiegħek.
Glorja lil Missier…
Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.
Ġesù għajjat għajta kbira u radd ruħu.
Nitolbu: Ġesù, agħtina l-paċi tiegħek; paċi li nakkumpanjana fil-ħidma u t-tbatija tagħna għas-Saltna tiegħek tal-imħabba.
Glorja lil Missier…
Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.
“Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja”
Nitolbu: Ġesù, għinna nemmnu, li kull tmiem mhuwiex ħlief bidu u li l-oqbra huma bibien għal ħajja ġdida. Għax int Alla tal-ħajjin u tal-mejtin.
Glorja lil Missier…
Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.
Tassew ngħidilkom, li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa dak in-nhar li nixrob inbid ġdid fis-Saltna ta’ Alla.
Nitolbu: Ġesù, mqajjem mill-mewt, imla lil qlubna bil-ferħ ta’ l-Għid. Ħalli d-dawl tal-ħajja ġdida tiegħek jiddi minn ġo fina, biex inwasslu lid-dinja, l-aħbar tajba.
Glorja lil Missier…
Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.
“Xejn la tinħasdu. Qegħdin tfittxu lil Ġesù ta’ Nazaret li kien imsallab; qam mill-mewt, m’huwiex hawn. Araw il-post fejn kienu qegħduh. Imma morru għidu lid-dixxipli tiegħu, u lil Pietru, li hu sejjer fil-Galilija qabilkom; tarawh hemmhekk, kif kien qalilkom.”