Irtir fil-Kampanja
Ir-Ragħaj it-Tajjeb
Salm 23
Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,
xejn ma jonqosni;
2 f’mergħat kollha ħdura jqegħedni.
Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;
3 hemm hu jrejjaqni.
Imexxini fit-triq tas-sewwa
minħabba l-isem tiegħu.
4 Mqar jekk nimxi f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,
huma jwennsuni.
5 Int tħejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi.
Biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli.
6 Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena
il-jiem kollha ta’ ħajti.
U ngħammar f’dar il-Mulej
sakemm indum ħaj!
Mur lura “l-Galilija”…
- Immur lura u nżur bl-immaġinazzjoni għal xi esperjenza li kelli meta temagħni l-Mulej, meta ħadni fejn nistrieħ, fejn ħassejtu miegħi qiegħed imexxini fit-triq tas-sewwa…
- Nerġa’ nżur biex din il-memorja terġa’ ssir friska u ġdida llum u mhux biss niftakar…
- Forsi jerġgħu jiġuk is-sentimenti li kont ħassejt: ferħ, imħabba, intimità. Taħrabx, imma ibqa’ fuqhom sakemm tħoss ċerta paċi…
- Tkellem ma’ Ġesù fuq dak li qiegħed jiċċaqlaq fik.
Ġesù – Ir-Ragħaj it-Tajjeb
-
Bħal ragħaj li jirgħa l-merħla tiegħu; bi driegħu jiġmagħha, u l-ħrief fi ħdanu jerfagħhom; u n-nagħaġ ireddgħu bil-mod imexxihom. (Is 40:11)
-
“Għax dan jgħid Sidi l-Mulej: Arawni, hekk jien se nfittex in-nagħaġ tiegħi u nieħu ħsiebhom. Bħalma r-ragħaj jaħseb fil-merħla tiegħu meta jsib ruħu f’nofs in-nagħaġ imxerrda tiegħu, hekk naħseb jien fin-nagħaġ tiegħi, u nsalvahom minn kull fejn xterdu fi żmien is-sħab u s-swied ta’ l-ajru. (Eżek 34:11-12)
-
Jiena r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. (Ġw 10:11)
Id-Dixxerniment Spiritwali
- Il-konverżjoni mhix ħaġa ta’ darba, iżda hi xi ħaġa għal kuljum.
- Il-Konverżjoni x'inhi?
- Li tpoġġi dejjem iktar ’l Ġesù fiċ-ċentru.
- Injazju beda l-konverżjoni tiegħu f’Pamplona, imma baqa’ jikkonverti tul ħajtu kollha.
- Id-Dixxerniment hu l-għodda biex nikkonvertu.
- Id-Dixxerniment mhux mezz kif dejjem inġibuha żewġ mill-ewwel, iżda hu għajnuna fl-għażliet tal-ħajja tagħna.
- Bħal kumpass li jurik id-direzzjoni minkejja t-tidwir fit-triq.
- Li tħalli ’l-iSpirtu s-Santu jmexxina lejn laqgħa tagħna ma’ Kristu.
Nagħrfu l-Vuċi tar-Ragħaj mill-Vuċijiet l-Oħra
-
…hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom… jisimgħu leħnu. … leħen barrani ma jafuhx.” (Ġw 10:3b-5)
- Il-Mulej sejjaħ: “Samwel!” U dan wieġeb: “Hawn jien!”… “Tkellem, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’.” (1 Sam 3:4-10)
- Il-profeta Elija (1 Slat 19)
- Il-profeta rħielha lejn id-deżert…
- … talab li jmut, u qal: “Issa biżżejjed, Mulej; ħudli ‘l ħajti, għax m’iniex aħjar minn missirijieti!” – Esperjenza ta’ djieqa spiritwali.
- Elija qam, kiel u xorob, u bis-saħħa ta’ dak l-ikel baqa’ miexi għal erbgħin jum u erbgħin lejl sa ma wasal Ħoreb, il-muntanja tal-Mulej. – faraġ spiritwali.
- Riħ qawwi… theżżet l-art… nar… żiffa ħelwa. – Alla jitkellem bil-ħlewwa lil min qiegħed ifittex li jissaffa u jikber.
- “Għandi qalbi tħeġġeġ għall-aħħar għall-Mulej, Alla ta’ l-eżerċti.”
- Ħarsa ta’ mħabba… Mur bigħ li għandek… jkollok teżor fis-sema… telaq b’qalbu sewda… (Mk 10:17-22)
Ix-Xewqa tiegħi u Dik ta’ Alla
- Bħal Elija infittex “id-deżert”, is-silenzju li jippermetti l-laqgħa intima bejn Alla u l-ħlejqa tiegħu.
- Samwel kellu widnejh u qalbu miftuħa għall-kelma ta’ Alla. Nitlob il-Mulej il-grazzja li jien ukoll inkun lest li nisma’.
- Niftakar f’meta l-Mulej sejjaħli bħal ma sejjaħ lil Samwel. Fittex iż-żiffa ħelwa iktar mir-riħ qawwi, t-terremot u n-nar. X’kien qalli?
- Elija kellu qalbu tħeġġeġ għal Alla. Għal xiex tħeġġeġ qalbi bħalissa? X’inhi x-xewqa tiegħek? B’fiduċja nitlob lil Alla biex jagħtini din il-grazzja.
- “Jien naf il-pjanijiet li ħsibt għalikom, oraklu tal-Mulej, pjanijiet ta’ ġid u mhux ta’ ħsara, li nagħtikom ġejjieni mimli tama.” (Ġer 29:11)
-
X’inhi x-xewqa ta’ Alla għalija? Nistaqsi lil Ġesù din il-mistoqsija.
-
Nitkellem ftit miegħu bħal ma’ ħabib ikellem ħabib.
Countryside Retreat - Ir-Ragħaj it-Tajjeb
By Christopher Vella
Countryside Retreat - Ir-Ragħaj it-Tajjeb
- 48