Is-“Seba’ Kelmiet ta’ Kristu fuq is-Salib”

1. “Missier aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.”

Lq 23:34

  • Filwaqt li qiegħed ibati fuq is-salib, jaħseb f’min sallbu… jaħseb fija… jaħseb fik… Jaħseb ukoll fil-Missier tiegħu tas-Sema li bgħatu biex isalvana u jinterċedi għalina…

  • “Aħfrilhom”. Il-Ħniena ta’ Alla bla limiti… tibqa’ tiġri warajna biex nintebħu li meta nfittxu l-interessi tagħna biss, meta nagħmlu minna nfusna l-alla falz tagħna, nkunu għażilna l-mewt.

  • “ma jafux x’inhuma jagħmlu.” Dawk li sallbu lil Ġesù ma kienux jafu x’inhuma jagħmlu. La l-kapijiet tal-Lhud u lanqas ir-Rumani. Aħna wkoll, meta npoġġu lilna nfusna qabel kollox, ma nafux x’aħna nagħmlu. Naraw biss il-ponta tal-iceberg tad-dnub u ma nindunawx bil-periklu gravi li hemm jistenniena. Induru lejn Ġesù llum… inħarsu lejn il-Kelma ta’ Alla mdendla mas-salib… kelma li hi Imħabba, li turina t-triq tal-Ħajja.

2. “Illum tkun il-Ġenna miegħi.”

Lq 23:43

  • Wara tliet snin miegħu d-dixxipli jabbandunawh. Il-ħalliel, hekk imsejjaħ it-tajjeb, wara tliet siegħat jikkonverti, forsi minħabba li sema’ l-ewwel kelma ta’ Ġesù. Jara ’l Ġesù mdendel mas-salib fil-punt tal-mewt u jara s-Saltna t’Alla moħbija… li l-oħrajn ma jarawx. “Ftakar fija meta tkun fis-Saltna tiegħek.” Nixbaħ xi ftit lil dan il-ħalliel?

  • Ġesù jwegħdu l-ġenna. Il-ġenna hi l-parteċipazzjoni mar-rebħa ta’ Kristu u mal-ħajja tat-Trinità… Ġesù rebaħ fuq il-qawwa tal-ħażen u qiegħed jistedinna li nissieħbu fil-komunità ta’ Mħabba li hi t-Trinità… minn issa. Nagħmel att ta’ fidi fil-qawwa tas-salib… fil-qawwa tal-Imħabba bla tarf ta’ Alla.

3. “Mara, ara ibnek…

Hawn hi ommok.”

Ġw 19:26-27

  • Minkejja t-tbatija li qiegħed isofri jaħseb fina u mhux fih innifsu. Kif għamel man-nisa ta' Ġerusalemm li meta rahom jibkuh qalilhom, “mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom” (Lq 23:28). Issa wkoll jaħseb fina…

  • Marija kienet li rabbiet lil Ġesù, li għenet lil binha jikber bħala bniedem anke fil-fidi tiegħu. Issa Ġesù jagħtina ’l Marija Santissima ommu bħala omm tagħna wkoll biex kif għenet lilu jitla’ sod, issa tgħin lilna nikbru fil-fidi tagħna.

  • Ndawwar ħarsti lejn Ġesù u narah iħares lejja, d-dixxiplu l-maħbub tiegħu, u jgħidli, “hawn hi ommok.” Indawwar ħarsti fuq Marija u nisma’ x’tixtieq tgħidli f’dan il-mument.

4. “Għandi l-għatx.”

Ġw 19:28

  • Dak li qal lill-mara samaritana li lest jagħtiha ilma ħaj għandu l-għatx (Ġw 4:13-14). Għandu l-għatx fiżikament għax tilef ħafna demm, imma iktar u iktar għandu l-għatx għall-ġustizzja (Mt 5:6).

  • Nitolbu ’l Mulej li jagħti lilna wkoll il-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja għax żgur li nkunu mxebbgħin.

5. “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”

Mt 27:46

  • Ġesù bniedem bħalna… f’kollox.

  • F’dan il-mument, l-esperjenza ta’ viċinanza tal-Missier għebet. “Mis-sitt siegħa ’l quddiem waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa’ siegħa.” (Mt 27:45) – Id-dalma waqgħet mhux biss fuq il-pajjiż, imma fuq il-qalb ta’ Ġesù wkoll.

  • Kien hemm mumenti diffiċli f’ħajtek meta ħassejt ’l Alla l-bogħod minnek? Ġesù jesprimi d-diffikultà tiegħu, imma wkoll fiduċja kbira fil-Missier. Din il-kelma ta’ Ġesù hi biss l-ewwel vers tas-Salm 22 fejn l-awtur sagru jiftakar fil-fedeltà tal-Mulej mal-poplu u miegħu nnifsu u jesprimi t-tama u saħansitra jfaħħar ’l Alla tal-ħelsien li għadu ma rax, imma li hu ċert li se jasal.

6. “Missier, f’idejk nerħi l-ispirtu tiegħi.”

Lq 23:46

  • Sa l-aħħar Ġesù jibqa’ jagħti. Saħansitra jafda l-Ispirtu tiegħu f’idejn il-Missier biex Hu jibgħatu fuq id-dixxipli tiegħu f’Pentekoste.

  • Anke din il-kelma hi meħuda minn Salm (31:6). Salm ieħor ta’ lment u fiduċja. Il-Knisja tippreparana biex aħna wkoll nkunu lesti, minn issa stess nafdaw ħajjitna f’idejn il-Missier Etern.

  • Inħares lejn Dak li saħansitra tana l-Ispirtu tiegħu… Inħallih isir ħaġa waħda mal-ispirtu tiegħi.

7. “Kollox mitmum.”

Ġw 19:30

  • F’ħajtu Ġesù fittex li jwettaq il-missjoni li fdalu l-Missier… sal-aħħar mument ta’ ħajtu. Uriena min hu Alla (Lhud 1:1-4) billi tana kollox, ħabbna sal-aħħar (Ġw 13:1). Ma fadallu xejn iżjed x’jagħmel.

  • Il-Qawmien mill-imwiet tiegħu hu biss konsegwenza tal-għotja totali tiegħu. L-imħabba hi iktar qawwija mill-mewt. Ta kollox, il-mewt ma fadlilha xejn x’teħodlu… Irċieva mitt darba iktar (Mt 19:29).

  • X’missjoni tani l-Missier lili? Lil min jien imsejjaħ inħobb? X'qiegħed jistedinni nagħti?

Kollox hu sewwa ħafna

Kollox mitmum
L-opra ta’ ħolqien ġdid waslet fit-tmiem
Fis-seba’ jum Alla straħ
Waqaf mix-xogħol tiegħu
Ħares lejn l-opra ta’ jdejh
U qal:
“Kollox hu sewwa ħafna.”

Kollox mitmum
L-opra ta’ ħolqien ġdid waslet fit-tmiem
Id-demm tal-Bniedem-Alla seqa’ l-art
Issa Alla u l-bniedem ingħaqdu
biex ma jinfirdux iżjed,
Iva, kollox hu sewwa ħafna.

Kollox mitmum
L-opra ta’ ħolqien ġdid waslet fit-tmiem
Sid il-ħolqien qiegħed jistieħ
Mill-ħidma tiegħu
Ġismu qiegħed f’qabar ġdid
Jistenna l-mument
Meta d-dawl tiegħu
Kellu jgħammex id-dinja
Biex kollox ikun sewwa ħafna.

Kollox mitmum
L-opra ta’ ħolqien ġdid bdiet.
Ja bniedem
Segwi l-passi tal-Bniedem-Alla
Kul ġismu
Ixrob demmu
Imxi fid-dawl tiegħu
U kollox ikun sewwa ħafna.

Ruħ ta’ Kristu

Ruħ ta’ Kristu, qaddisni
Ġisem ta’ Kristu, salvani
Demm ta’ Kristu, sakkarni
Ilma mill-kustat ta’ Kristu, aħsilni
Passjoni ta’ Kristu, qawwini.

 

Ġesù twajjeb, ismagħni
Fil-pjagi tiegħek aħbini
Qatt minnek ninfired tħallini
Mill-għadu l-ħażin, ħarisni.

Fis-siegħa ta’ mewti sejjaħli
u niġi għandek amarli
biex mal-qaddisin tiegħek infaħħrek
għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

7 Viżti

By Christopher Vella

7 Viżti

Is-"Seba' Viżti" dwar is-seba' kelmiet ta' Kristu fuq is-Salib

  • 42