Via Crucis

Pitturi ta’ Sieger Köder

Ċentru Spiritwalità Injazjana

1. Ġesù kkundannat għall-mewt

Ġw 19, 5-6

  • “Arawh, hawn hu l-bniedem!” - Ġesù xbiha tal-bniedem

  • Il-kruha tad-dnub

  • Il-ġmiel bla tarf tal-imħabba ta’ Alla

Nitolbu: Ġesù, int il-vera xbiha tal-bniedem. Agħmel li nħarsu lejk biex insiru nafu min aħna. Għallimna wkoll nagħrfu dak li jtebba’ dix-xbiha u li ninfetħu iktar għall-ġmiel ta’ mħabbtek.

Glorja lil Missier…

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.

U Ġesù ħareġ hemm barra, liebes il-kuruna tax-xewk u l-mantar aħmar; u Pilatu qalilhom: “Arawh, hawn hu l-bniedem!”

X’ħin rawh, il-qassisin il-kbar u l-għases bdew jgħajjtu u jgħidu: “Sallbu! Sallbu!” Pilatu qalilhom: “Ħuduh u sallbuh intom; jiena ma nsib ebda ħtija fih.”

2. Ġesù mgħobbi s-salib

Ġw 19, 17-18

  • L-għażla tal-imħabba ssir konkreta - is-salib

  • Is-salib hu l-prezz tal-imħabba

  • Aħna mistednin biex inħobbu, biex nerfgħu salibna

Nitolbu: Ġesù, l-imħabba tiegħek mhix bil-kliem biss. Kont lest li tħallas prezz għoli. Għinna naslu biex insofru għax inħobbu.

Glorja lil Missier…

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.

Ġesù rafa’ s-salib u ħareġ lejn il-post imsejjaħ ‘il-Qorriegħa’, bil-Lhudi Golgota.

Hemm huma sallbuh ma’ tnejn oħra, wieħed kull naħa, u Ġesù fin-nofs.

3. Ġesù jaqa’ l-ewwel darba

Is 53:5-6

  • Għax iħobb Ġesù jieħu fuqu l-piż tal-ħażen tagħna

  • Il-ġustizzja ta’ Alla murija b’mod sorprendenti

Nitolbu: Ġesù, int urejtna ġustizzja differenti minn dik tagħna. Għinna nfittxu l-ġustizzja filwaqt li nħennu.

Glorja lil Missier…

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.

5 Iżda hu kien miġruħ minħabba fi dnubietna,

misħuq minħabba fi ħżunitna.

Għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu,

u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna.

6 Aħna lkoll bħal nagħaġ mitlufa,

kull wieħed minna qabad triq għal rasu.

U l-Mulej xeħet fuqu l-ħażen tagħna lkoll.

4. Ġesù jiltaqa’ ma’ ommu

Lq 2:34-35.51

  • L-ewwel dixxiplu tiegħu tibqa’ miegħu sal-aħħar

  • Iżżomm f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha

  • Tħallihom jagħtuha l-ħajja

Nitolbu: Marija, int d-dar mibnija fuq il-blat għax bqajt ma’ Ibnek sal-aħħar. Għinna ma ngħotrux quddiem l-isfidi tal-Għadu.

Glorja lil Missier…

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.

“Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, - u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! - biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna.”

U ommu kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha.

5. Ġesù mgħejjun miċ-Ċirinew

Mk 15:21

  • Hu mġiegħel, aħna mistiedna

  • Nissieħbu miegħu

  • Fil-mixja lejn il-ġustizzja, lejn is-saltna

Nitolbu: Ġesù, int tistedinna naħdmu u nsofru miegħek fit-tfittxija tal-paċi, l-ġustizzja u l-imħabba. Agħtina l-kuraġġ biex inwieġbu għas-sejħa tiegħek b’qalb kbira u ġeneruża.

Glorja lil Missier…

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.

Kien għaddej wieħed, Xmun minn Ċireni, missier Xandru u Rufu, ġej lura mir-raba’, u ġagħluh jerfagħlu s-salib.

6. Ġesù jiltaqa mal-Veronika

Mt 24:40

  • Wiċċ Kristu jidher f’ġest ta’ mħabba

  • Fejn nara llum il-wiċċ ta’ Kristu?

Nitolbu: Ġesù, għinna nagħrfuk f’dawk li, għalkemm viċin tagħna, huma l-bogħod mill-qalb tagħna.

Glorja lil Missier…

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.

‘Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.’

7. Ġesù jaqa’ għat-tieni darba

Lq 14:27

  • Mhux faċli ġġorr is-salib
  • Mhux faċli timxi wara Ġesù
  • Pressjoni minn kull naħa
  • Imma min ma jerfgħax salibu ma jistax ikun dixxiplu tiegħu

Nitolbu: Ġesù, mhux faċli terfa’ s-salib. Għinna nkunu responsabbli u nagħrfu li hu biss miegħek li l-piż ikun eħfef.

Glorja lil Missier…

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.

Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi.

8. Jiltaqa’ man-nisa ta’ Ġerusalemm

Lq 23:28

 

  • Jistieden lin-nisa biex jibku ’l dawk li jsofru fid-dinja,
  • Dawk li għalihom Ġesù għażel li jmut
  • Hu għamel mis-salib is-siġra l-ħadra li tagħti l-ħajja.

Nitolbu: Ġesù, int Dak li toħroġna mill-mewt għall-ħajja. Għinna nkunu persuni li nrawwmu u nagħtu l-ħajja lil dawk li jħossuhom abbandunati jew imwarrba b’xi mod.

Glorja lil Missier…

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.

“Nisa ta’ Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom”

9. Ġesù jaqa’ għat-tielet darba

Ġw 12:24

 

  • Ġesù hu l-ħabba tal-qamħ li taqa’ fl-art u tmut
  • Jaqa’ u jqum, imut u jerġa’ lura għall-ħajja
  • Miegħu iqajjem lilna wkoll… jekk naħsbu fl-oħrajn u mmutu għalihom

Nitolbu: Ġesù, int il-ħabba tal-qamħ li mietet u li tat ħafna frott. Għinna ‘mmutu’ bħalek biex miegħek nqumu għall-Ħajja.

Glorja lil Missier…

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.

“Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ waħedha, imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott”

10. Ġesù mneżża’ minn ħwejjġu

Fil 2:6-8

  • Ġesù jgħallimna x’jiġifieri tħobb - li tagħti kollox li tagħti ħajtek
  • Aħna, minflok bħas-suldati, naraw x’se nakkwistaw
  • Imma d-doni li tana Alla huma biex nużawhom għall-oħrajn.

Nitolbu: Ġesù, int ġġib l-għaqda billi tħobb lil kulħadd. Għinna nkunu bħalek: naraw l-bżonn u nfittxu  l-interessi tal-proxxmu tagħna.

Glorja lil Missier…

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.

hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu

billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem;

ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt,

anzi sal-mewt tas-salib.

11. Ġesù msammar fuq is-Salib

Lq 23:33

  • Ma kenux l-imsiemer li żammew lil Ġesù mwaħħal mas-salib
  • Kienet l-imħabba li biha ntrabat magħna li żammitu hemm
  • Min iħobb lest ssofri għal maħbub tiegħu

Nitolbu: Ġesù, agħmel li l-irbit tagħna jkun l-imħabba u mhux il-kilba għall-flus, għall-poter u għall-fama.

Glorja lil Missier…

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.

Meta waslu fil-post jgħidulu l-Qorriegħa, sallbuhom hemm, lilu u lill-ħatja, wieħed fuq il-lemin tiegħu u l-ieħor fuq ix-xellug.

12. Ġesù jmut fuq is-Salib

Mk 15:37

  • Għajta ta’ frustrazzjoni? Ta’ disperazzjoni?
  • Le għajta tar-rebħa fuq il-mewt.
  • Aħbar tajba - L-imħabba għelbet il-mewt fih… u fina wkoll jekk nissieħbu miegħu.

Nitolbu: Ġesù, int irbaħt fuq il-mewt billi tajt kollox. Ma kien fadal xejn x’teħodlok il-mewt. Agħtina li nissieħbu aħna wkoll mal-ħidma tiegħek biex ikollna sehem mir-rebħa tiegħek.

Glorja lil Missier…

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.

Ġesù għajjat għajta kbira u radd ruħu.

13. Ġesù mniżżel minn fuq is-salib u mgħoti fi ħdan ommu Ġw. 14:27

  • Kollox hu mitmum. Ġesù spiċċa l-missjoni tiegħu.
  • Marija, minkejja l-weġgħa li tara l-binha imbiċċer u mejjet hi fil-paċi.
  • Fiduċja kbira fil-Missier u l-pjan tiegħu

Nitolbu: Ġesù, agħtina l-paċi tiegħek; paċi li nakkumpanjana fil-ħidma u t-tbatija tagħna għas-Saltna tiegħek tal-imħabba.

Glorja lil Missier…

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.

“Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja”

14. Ġesù midfun f’qabar ġdid

Mk 14:25

  • L-għalqa kienet imħejjija
  • Inżgħeret il-Kelma
  • Issa fadal biss lis-Stennija

Nitolbu: Ġesù, għinna nemmnu, li kull tmiem mhuwiex ħlief bidu u li l-oqbra huma bibien għal ħajja ġdida. Għax int Alla tal-ħajjin u tal-mejtin.

Glorja lil Missier…

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.

Tassew ngħidilkom, li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa dak in-nhar li nixrob inbid ġdid fis-Saltna ta’ Alla.

15. Ġesù jqum mill-mewt

Mk 16:6-7

  • Jgħix għal dejjem
  • Magħna għal dejjem
  • Aħna ġismu għax tana ġismu.
  • L-Ispirtu tiegħu hu r-ruħ ta’ dal-ġisem mistiku tiegħu.

Nitolbu: Ġesù, mqajjem mill-mewt, imla lil qlubna bil-ferħ ta’ l-Għid. Ħalli d-dawl tal-ħajja ġdida tiegħek jiddi minn ġo fina, biex inwasslu lid-dinja, l-aħbar tajba.

Glorja lil Missier…

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’Salibek u l-Mewt tiegħek inti fdejtna.

“Xejn la tinħasdu. Qegħdin tfittxu lil Ġesù ta’ Nazaret li kien imsallab; qam mill-mewt, m’huwiex hawn. Araw il-post fejn kienu qegħduh. Imma morru għidu lid-dixxipli tiegħu, u lil Pietru, li hu sejjer fil-Galilija qabilkom; tarawh hemmhekk, kif kien qalilkom.”

Via Crucis 2021

By Christopher Vella

Via Crucis 2021

  • 74